Kitba ta’ F.S. Bezzina, (Ex-President tal-Kazin Banda San Nikola)
meħuda mill-ktieb ‘Storja tal-Baned’.
Francis Xavier Bezzina, 1928-2005
L-antenati tagħna jiftakru li fis-sena 1883, meta l-parroċċa kellha madwar 2,800 ruħ li minhom 2,040 kienu adulti, grupp ta’ nies mis-Siġġiewi stess, fosthom it-Tabib Nikola Zammit, kienu ftiehmu bejniethom biex jagħtu bidu għall-formazzjoni ta’ Għaqda Mużikali. Għalkemm fir-raħal il-maġġoranza tan-nies kienu jaħdmu fil-qasam agrikolu u kien żmien ta’ faqar u injoranza, wara taħbit kbir, dan il-grupp ta’ nies irnexxielhom ifiehmu lin-nies dwar il-ħtieġa ta’ ċentru rikreattiv fir-raħal.
Kien imiss li jsirr l-ewwel pass il-quddiem u saret laqgħa fejn ġie deċiż li l-għaqda ssir u tingħata l-isem u l-iskop li għalih twaqqfet. Intagħżel l-isem ta’ “Società Filarmonica dei Dilettanti” u l-iskop kien it-tagħlim tal-mużika u rikreazzjoni leċti. Meta sar dan, intweriet ix-xewqa li l-isem tat-Tabib Zammit , għall-interess kbir u l-inizjattiva personali, kif ukoll għall-għerf tiegħu, jiġi nkluż biex jibqa’ b’hekk imfakkar. Għal din ix-xewqa tal-ħafna, ġie deċiż li l-isem tal-għaqda jsir “Società Filarmonica dei Dilettanti - Circolo Nicolò Zammit”.
L-ewwel kumitat maħtur beda l-ħidma tiegħu biex jifforma l-banda u din ma tantx kienet ħaġa ħafifa għax in-nies kienu jaħsbu li t-tagħlim tal-mużika kien jirrikjedi xi livell ta’ edukazzjoni speċjali. Tqabbad is-Surmast Piju Caruana Dingli, miż-Żejtun, u beda jagħti t-teorija mużikali lil dawk li resqu biex jitgħallmu. Dan kien bidu inkorraġġanti u qawwa l-qlub biex ix-xogħol jitkompla, tant li f’qasir żmien ġiet iffurmata orkestra fejn it-tagħlim kompla żdied fin-numru ta’ bandisti.
Fis-sena 1893, il-banda kienet diġà ffurmata u nsibuha li bdiet tidher fil-lista tal-baned ta’ Malta bl-isem tal-“Banda Nicolina” u bħala l-ewwel Surmast Direttur insibu lis-Surmast Ruġġieru Carabott mill-Belt, bejn l-1889 u l-1893. Wara nsibu li l-banda għaddiet taħt idejn is-Surmast Carmelo Zammit miż-Żurrieq mill-1893 sal-1900. Imbagħad ħa f’idejh il-banda is-Surmast Salvatore Mallia mis-Siġġiewi fis-sena 1901 u dam jidderieġi l-banda sas-sena 1935. F’dan il-perjodu, is-Surmast Mallia kellu jgħinuh jgħallmu l-mużika l-Assistenti Surmastrijiet Ġużeppi Saliba, Mikiel Ciantar u Ġużeppi Muscat. Fis-sena 1935, il-banda, issa reġistrata u magħrufa bl-isem ta’ “Banda San Nikola” għall-Qaddis Patrun tal-parroċċa, għaddiet f’idejn is-Surmast Karmenu Mallia, iben is-Surmast Salvatore Mallia, u damet f’idejh sas-sena 1939 u kellhu jgħinuh lis-Surmast Ġużeppi Muscat u l-bandisti Emanuel Azzopardi u Joseph Farrugia fit-tagħlim tal-mużika lill-allievi. Matul żmien it-tieni gwerra dinjija, ħafna mill-bandisti żgħażagħ issejħu suldati u l-banda ħadet daqqa l-isfel. Meta l-gwerra ġiet fi tmiema, ġie nkarigat is-Surmast Giovanni Vella mill-Mosta u dam jidderieġi l-banda mis-sena 1944 sal-1950. Peress li nqalgħet tilwima bejn il-bandisti dwar f’idejn min kellha tiġi fdata l-banda, li ħadet madwar sena, ġie maħtur is-Surmast Joseph Darmanin minn Tas-Sliema li dam jidderieġi l-banda mis-sena 1952 sal-1956. Fis-sena 1956 inħattar is-Surmast Carmelo Callus mis-Siġġiewi stess li dam sas-sena 1962 fejn warajh, il-Banda San Nikola ġiet fdata f’idejn is-Surmast John Mamo minn Birkirkara li dam Surmast Direttur sas-sena 2001. Is-Surmast Raymond Zammit ħa t-tmexxija tal-banda f’idejh fis-sena 2001 u huwa s-surmast attwali.
Fil-bidu, is-Surmast Piju Caruana Dingli, ifforma orkestra li kienet tagħti sehem billi ddoqq f’xi fiera, fil-Milied u fl-Istrina ta’ kull sena. L-attivitajiet tal-Milied u l-Istrina kienu jsiru billi kienu jdoqqu mat-toroq iżda kienu jieqfu quddiem ir-residenza ta’ familji benestanti biex jiġbru xi ħaġa tal-flus bħala għajnuna finanzjarja tal-każin. Matul iż-żmien il-banda kompliet tagħti s-servizzi tagħha fil-festi li kienu jsiru fir-raħal u l-inħawi tiegħu: f’Corpus u l-Qalb ta’ Ġesù, San Ġużepp, Santa Marija ta’ Ħal Xluq u l-Madonna tal-Providenza. Kull sena dejjem ħadet parti attiva fil-jiem tal-festa titulari tar-raħal, dik ta’ San Nikola, b’eċċezzjoni waħda biss, fis-sena 1962, minħabba tilwima politiko-reliġjuża bejn il-każin u l-Arċipriet ta’ dak iż-żmien.
Bla dubju, fl-1983, il-Banda San Nikola ffesteġjat kif jixraq iċ-ċentinarju mit-twaqqif tas-soċjetà permezz ta’ programm vokali/strumentali u letterarju li sar ġewwa l-Misraħ ewlieni tar-raħal nhar il-Ħadd, 19 ta’ Gunju ta’ l-1983, taħt id-direzzjoni tas-Surmast John Mamo u l-Assistant Direttur, is-Surmast Karmenu Vella. Programm ieħor bħal dan sar ukoll fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-każin il-ġdid, dak preżenti, bejn it-12 u d-19 ta’ Ġunju ta’ l-1993, fejn il-banda kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast John Mamo u s-Surmast Eucharist Muscat, għalliem ta’ l-allievi.
Fiż-żmenijiet tal-bidu tat-twaqqif tagħha, is-soċjetà għamret fil-post li llum huwa nru. 40 Misraħ San Nikola, li kien post ideali u spazjuż u li kien ġewwa l-pjazza. Qabel dan il-post fil-pjazza, jissemma li l-każin kien fil-postijiet nru. 91 Triq Santa Margerita u f’nru. 142 fl-istess triq u wara fi Triq il-Parroċċa. F’din it-triq kien hemm post battal li kien iġġib in-numri 45, 46 u 47 u l-kumitat kera dal-post bħala każin. Fiż-żmien li s-soċjetà għamret f’dan il-post, kienu nibtu żewġ sezzjonijiet li kienu jaħdmu x-xogħol tan-nar għall-festa. Dawn iż-żewġ gruppi daħlu f’pika bejniethom u għalhekk, l-istess soċi nqasmu f’żewġ partijiet li kienu magħrufa bħala “tal-Ġidra” u “ta’ Kajin”, iżda baqgħu taħt saqaf wieħed fi ħdan is-soċjetà. Il-każin dam hemm sa l-1935 u dan ġara għall-fatt li ċertu Ġorġ Bonello kien irritorna lura lejn Malta mill-Amerika fejn kien emigrat, u xtara l-post fejn il-każin riedu għalih. Il-kumitat ta’ dak iż-żmien irrifjuta li joħroġ minn hemm u nfetħet kawża fil-Qorti, liema kawża ntrebħet mis-sid minħabba l-fatt li hu ma kellux fejn joqgħod u riedu għalih. Is-soċjetà sabet ruħha bla residenza u kien il-Kappillan il-W. Rev. F.S. Mangion li offra l-Oratorju “Sagra Familja” għad-dispożizzjoni tal-banda u s-soċjetà sakemm jinstab post ieħor. Fl-1936 il-każin mar f’post fil-pjazza li l-imgħallem tal-bini Pietru Mallia kien qiegħed jibni. Pietru Mallia kien ħu s-Surmast Salvatore Mallia u dan talab bil-ħniena lil ħuħ Pietru biex il-post jikrih lis-soċjetà. Fis-sena 1989 ittieħdet deċiżjoni biex jiġi mixtri l-post li fih kien jeżisti l-każin f’nru. 78 Misraħ San Nikola. Wara x-xiri ta’ dan il-post, kienu ser jibdew xi tibdil stutturali fil-bini iżda ġie abbandunat għaliex beda jingħata ħjiel li jsir akkwist ta’ post ieħor fl-istess pjazza f’numri 50 u 51, il-każin preżenti.
Wara dan iż-żmien kollhu, l-Għaqda Mużikali San Nikola għadha hemm teżisti kif twaqqfet fil-bidu, bl-istess skop prinċipali li tgħallem il-mużika lit-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll li torganizza attivitajiet soċjali għall-membri tagħha.
Create a free website at Webs.com